Fotovoltajiċi

photovoltaics.jpg
© SGI 2014

Il-Belt tad-Dwal 

Max u Lily kienu qed jieħdu gost filgħaxija f'kafe tipiku Pariġin. Hekk kif ir‑raġġi tax-xemx kienu moħbija lil hinn mill-orizzont, id-dwal tat-Torri Eiffel xegħlu, li taw il-belt il-kuluri uniċi ta' billejl. 

"Kont taf li lura fl-2013 kien hemm projbizzjoni għal illuminazzjoni?" Max beda, "l-imħażen u l-bini mhux residenzjali kollu kellhom jitfgħu d-dwal ta' ġewwa tagħhom sa mhux aktar tard mis-1 am". 

"Nissoponi li l-emissjonijiet ta' carbon dioxide tnaqqsu, imma kien ftit ta' dwejjaq... il-belt tad-dwal.... mingħajr dawl?"  Lily qalet. "Imma issa, ħares lejn din il-veduta glorjuża!" żiedet tgħid, hekk kif ippuntat lejn it‑Torri Eiffel ipetpet u l-monumenti u mużej tal-madwar imdawwlin.  "u dawn kollha jieħdu l-enerġija mix-xemx. Qed tara dak il-bini lewn il-fuxa hemmhekk? Iż-żebgħa tiegħu huwa fil-fatt ċelluli solari organiċi".

Max qaleb għajnejh lejn Lily u daħaq:  "Fuxa? Mela dak kulur ukoll? U tibdiliex dwar ċelluli solari organiċi. Taf xi tfisser organiku? Taf x'inhi ċellula solari?"

Lily iddrittat fuq is-siġġu tagħha u wieġbet għall-isfida. Bdiet billi tispjega li ċellula solari hija tagħmir li tassorbi l-enerġija mix-xemx, tikkonvertiha f'enerġija elettrika li tista' tintuża jew direttament (billi pereżempju tinxtegħel lampa) jew tiġi maħżuna f'batteriji.  

'Ċellula solari organika' issoktat, 'li tissejjaħ ukoll ċellula solari tal-plastik, hi magħmula minn polimeri jew fullerenes, komposti tal-karbonju f'għamla ta' buckyball. U ċellula solari tal-plastik ħadet f'idejha l‑proprjetajiet tal-plastik: hija flessibbli, mhix għalja u faċli biex issir.  U tista' tiġi riċiklata!

"U għandha wkoll data ta' skadenza bħal ħafna plastiks!" Max qal u saħaq li ċ-ċelluli solari tradizzjonali magħmula minn silikon kienu qed idumu aktar u kienu orħos ukoll. Hu mbagħad urieha t-telefown ċellulari tiegħu li kellu ċellula solari tas-silikon biex tikkarga l-batterija.  Lily wkoll ħarġet it-telefown ċellulari tagħha u wriet il-kopertura flessibbli u tal‑moda, magħmula minn ċellula solari organika.  Max waqaha għaċ‑ċajt, peress li t-tagħmir tiegħu kien qed jikkarga aktar malajr. 

"Imma mhux biss l-enerġija li jipprovdewna bih, imma hija wkoll l‑enerġija li aħna kkonsmajna biex għamilnieha" Lily saħqet.  "Iċ-ċelluli organiċi solari teħtieġ inqas enerġija biex tiġi prodotta u inti trid tieħu dan inkonsiderazzjoni meta titkellem dwar effiċjenza" qalet Lily.

Baqgħet titkellem dwar "armata" ġdida ta' materjali, perovskiti, imsemmija wara l-mineraloġista Lev Perovski, li ġew arwolati fil-battalja għal fotovoltajiċi effiċjenti u sostennibbli.  Dawn huma komposti li jinkorporaw kemm partijiet organiċi u inorganiċi fl-istrutturi tagħhom. Dawn il-materjali ġeneralment huma abundanti, sostennibbli u effiċjenti ħafna.

"Allura, jekk nitkellmu dwar effiċjenza, għaliex ma nużawx gallium arsenide fiċ-ċelluli solari tagħna? Dik effiċjenza! U tant huma robusti u durabbli" saħaq Max.

"Imma... imma dawk il-komposti b'isimhom stramb jistgħu jkunu tossiċi! Għandhom jinżammu 'l bogħod mid-dinja!" Lily qalet kważi rrabjata.

"Hekk hu" Max qal qed jieħu gost "huma ċ-ċelluli solari użati fl-ispazju!  Minn fejn taħseb is-satelliti jġibu l-enerġija tagħhom?  Mhumiex ipplaggjati ġon-netwerks tal-elettriku tagħna" hu ttantha.

Lily, meta għarfet li kien qed jiġbdilha saqajha, ikkalmat u tbissmet. Poġġiet lura u ħarset madwar lejn il-binjiet pubbliċi; kollha miżbugħa f'kuluri differenti, li jinkludu r-Torri Eiffel, kollha qed jiġbru biżżejjed enerġija mix-xemx biex idawwlu l-belt kollha b'mod li ma jkunx hemm emissjonijiet.  

Max induna x'kienet qed taħseb u pprova jerġa' jittantha.  "Taf xiex. għal effiċjenza massima immissna żbajna l-bini kollu iswed, għax l-iswed huwa l-kulur li jassorbi r-raġġi kollha tax-xemx" huwa qal b'dolċezza. 

"Irid futur sostennibbli u kulurit" qaltlu filwaqt li tbissmitlu lura.